Il-President ta’ Malta George Vella, flimkien ma’ martu s-Sinjura Miriam Vella, żaru l-pazjenti Maltin li qed jingħataw il-kura f’Londra.
Bħalissa hemm ħamsa u għoxrin pazjent Malti li qed jieħdu l-kura f’diversi sptarijiet madwar il-kapitali Ingliża.
Fiż-żjara tagħhom, il-President u martu żaru l-appartamenti ta’ Puttinu f’Sutton, kif ukoll ir-residenzi tas-Sorijiet Franġiskani u Agostinjani.
Dawn il-pazjenti qed jingħataw l-għajnuna mill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, li tinkludi appoġġ finanzjarju biex jitħallsu l-vjaġġi, l-akkomodazzjoni u l-bżonnijiet bażiċi tal-qraba għall-perjodu li jkunu Londra.
Il-President Vella fisser din iż-żjara bħala waħda ta’ diversi emozzjonijiet.
Qal, “Tapprezza l-valur enormi u l-kontribut kbir li jagħtu s-sorijiet u l-patrijiet magħhom illi jipprovdu soljevv, jipprovdu għajnuna u merbħa kbira lil dawn il-pazjenti. Hija xi ħaġa li ġġiegħlek tirrifletti li meta jkollok dawn iċ-ċirkostanzi fil-ħajja, wieħed qed ikun qed jistenna li jsib ċertu għajnuna u hawnhekk konvint li l-pazjenti Maltin, li wara li jkunu ħadu, sfortunatament ix-xokk ta’ dak li jkun ġie misjub, diagnosed fuqhom, meta jiġu biex jieħdu l-kura għallinqas isibu soljevv u sapport.”