“Tibqa’ l-konvinzjoni tiegħi li l-iktar mod effettiv biex jiġi miġġieled it-terroriżmu huwa billi tingħata s-setgħa lill-istat tad-dritt u tissaħħaħ il-ġudikatura, fi stati fejn tali attività qiegħda tiżdied”, qal il-President George Vella waqt żjara fl-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt (IIJ).
Il-President innota b’sodisfazzjon l-espansjoni fin-numru ta’ membri u sħab tal-IIJ sa mit-tnedija tiegħu f’Ġunju tal-2014. Huwa nnota li s-sensibilizzazzjoni attwali hija wkoll sodisfaċenti ħafna u li r-rappreżentanza ġeografika tinvolvi pajjiżi u istituzzjonijiet li huma partijiet interessati b’mod dirett fl-indirizzar tat-terroriżmu.
Fid-diskors tiegħu, il-President spjega li l-ħidma tal-IIJ hija ċertifikat tas-suċċess ta’ din l-istituzzjoni li ħalliet impatt fuq numru ta’ reġjuni hekk kif dawn ikkonsolidaw il-parametri tal-ġustizzja u tal-istat tad-dritt, fl-interess taċ-ċittadini bħala individwi u s-soċjetà inġenerali. L-IIJ tejjeb il-ħajjiet ta’ eluf permezz tad-diversi inizjattivi tiegħu biex iħarreġ lill-prattikanti, inkluż lil dawk li jfasslu l-politika, qal il-President.
Il-President temm id-diskors tiegħu billi ddefinixxa l-ħidma tal-IIJ bħala kontribut qawwi ħafna għall-istabbiltà globali u ddeskriva l-koperazzjoni orizzontali bejn l-istituzzjonijiet bħala eżempju ta’ multilateraliżmu li Malta dejjem appoġġat u ppromwoviet b’mod attiv.
Ritratti: OPR