Fit-tieni jum taż-żjara statali fil-Ghana, il-President ta’ Malta George Vella, flimkien ma’ martu Miriam, żaru l-isptar HopeXchange, li nbeda u qiegħed jiġi ffinanzjat minn donazzjonijiet ġenerużi tal-poplu Malti, kif ukoll minn fondi mill-Gvern ta’ Malta.
L-isptar HopeXchange beda jopera f’Ġunju tal-elfejn u sittax, u joffri kura klinika lil dawk fil-bżonn, jeduka lit-tobba, lill-infermiera u lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa, kif ukoll jisponsorja riċerka kollaborattiva avvanzata.
Waqt li irringrazzja lil Mario Cappello li huwa il-President u l-Fundatur ta’ dan l-isptar u lill-ħaddiema kollha għall-ħidma eċċellenti tagħhom ma’ aktar minn sittin elf pazjent fis-sena, il-President Vella qal li dan l-Isptar huwa sinjal kostanti tal-ġenerożità tal-poplu Malti.
F’Kumasi, il-President u s-Sinjura Vella kellhom udjenza mal-Mexxej Tradizzjonali tal-Ashanti, Otumfuo Osei Tutu II fil-Palazz ta’ Manhyia.
Il-President Vella enfasizza r-relazzjonijiet fit-tul u eċċellenti, ikkaratterizzati minn bosta żjarat u laqgħat ta’ livell għoli matul is-snin.
Waqt il-laqgħa, il-President innota d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jiftaħ l-ewwel rappreżentanza diplomatika sub-Saħarjana tiegħu fil-Ghana li tikkumplimenta l-viżjoni ta’ Malta li ttejjeb ir-relazzjonijiet u s-sħubija tagħha ma’ pajjiżi Afrikani individwali u mal-Afrika kollha kemm hi.
Il-President Vella u l-Mexxej Tradizzjonali tal-Ashanti Otumfuo Osei Tutu II qablu li ż-żewġ pajjiżi huma interessati li jkomplu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom. Il-President Vella spjega li Malta ħadet l-impenn sħiħ li tagħti prijorità lill-kuntatti bejn il-popli.
Is-settur privat, qal il-President Vella, ukoll għandu kontribut x’jagħti għall-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna.
Hawn spjega li bħalissa, hemm aktar minn 20 kumpanija bbażata f’Malta li joperaw fil-Ghana jew li jesportaw lejha f’diversi setturi – prodotti tal-ikel, tessuti u oġġetti mmanifatturati, u servizzi finanzjarji.
Matul iż-żjara tiegħu fil-Ghana, il-President Vella kien akkumpanjat minn Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.