Jumejn qabel l-Istrina, il-President ta’ Malta George Vella qal li jinsab sorpriż kif intrama l-kumpless sportiv f’Ħal Kirkop, minkejja r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Qal dan waqt li kien qed iżur il-kumpless biex jara l-aħħar ġremaramenti għall-Istrina.
Din l-edizzjoni tal-Istrina se tkun konformi mal-pariri kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-President Vella stqarr: “Jien sinċerament sorpriż li nara kumpless bħal dan sabiħ armat għax immaġinajt li se jkun kemm kemm iktar ridotta, kemm iktar fuq skala iċken, però minkejja li bqajna attenti ħafna u segwejna kemm stajna l-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, xorta hawn dan l-ispazju kollu li huwa mqassam fuq suppost u se jkollna moħħ mistrieħ li ħa jkollok separazzjoni tal-istadji differenti fejn ikunu n-nies, fejn ikunu l-orchestra, fejn min ikun ħdejn it-telefonati.”
Il-President Vella appella biex ikun hemm atmosfera sabiħa minkejja din is-sena diffiċli.
Huwa stqarr: “Li tkun atmosfera sabiħa u li wieħed iħoss li bħal ma għamilna fis-snin ta’ qabel ikollok il-kuxjenza li tgħid li tisma’ li nipprovi nikkontribwixxi ħalli ntelgħu somma li tkun denja għall-ispejjeż kollha li għandna bħala Malta Community Chest Fund matul is-sena.”
Din is-sena, bħal kull oħra, il-poplu Malti mistenni juri l-ġenerożità tiegħu.
Il-President sostna: “Jien bħal ma tafu m’għamilt l-ebda previżjoni, kull ma jiġi merbħa bih, però nittama u nispera li l-poplu Malti bħal snin oħra joħroġ bis-saħħa u juri kemm hi kbira l-qalb tal-Maltin.”