Fi żjara li għamel il-President George Vella lill-kumpanija Foster Clark Products Ltd, li tħaddem iżjed minn tliet mitt ruħ, innota s-sinerġija li teżisti bejniethom.
Il-ħaddiema, kollha ta’ livell għoli ta’ edukazzjoni, ilhom jaħdmu mal-kumpanija iżjed minn għaxar jew għoxrin sena.
Il-Kap Eżekuttiv Joseph Busuttil, qal li din il-kumpanija ilha topera f’Malta għal aktar minn ħamsa u ħamsin sena, u tipproduċi prodotti tal-ikel u x-xorb li jiġu esportati f’iżjed minn sebgħin pajjiż.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella faħħar l-investiment kontinwu li jsir mill-kumpanija sabiex ikollha iżjed teknoloġija avvanzata.
Il-President Malti stqar, “Li tiġi hawnhekk u tara r-rabta li hemm bejn in-nies kapaċi li hemm li huma kwalifikati u l-makkinarju sofistikat u l-ammont ta’ xogħol kif ikun organizzat timpressjona ruħek u tifhem għaliex fabbrika tagħmel suċċess.”
Huwa awgura li l-ħidma kooperattiva li hemm bejn il-ħaddiema tkompli tissaħħaħ biex ikompli jintlaħaq l-għan tal-kumpanija.