L-Erbgħa waranofsinhar, il-President ta’ Malta George Vella żar il-preparamenti tal-maltabiennale.art fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA.
Il-maltabiennale.art, festival prestiġjuż li jattira l-eluf kbar ta’ viżitaturi kull sena kull fejn isir, qed jiġi organizzat għall-ewwel darba f’pajjiżna u se jkun qed isir bejn il-11 ta’ Marzu u l-aħħar ta’ Mejju li ġejjin.
It-tema ta’ dan il-festival se tkun ‘Baħar Abjad – Imsaġar taż-Żebbuġ’, fejn se jiġu ttrattati erba’ temi partikolari permezz tal-arti.
F’kumment lil ONE News, il-President Vella semma kif dan il-festival, li se jkun qed isir taħt il-patroċinju tiegħu, attira ammont kbir ta’ sottomissjonijiet minn pajjiżi differenti li jixtiequ jkollhom il-padiljuni tagħhom fil-maltabiennale.art.
“Din hi xi ħaġa li torbot il-kultura l-antika mal-kultura preżenti. Jiena informat li kien hemm mal-2,500 sottomissjoni. Meta għandek pajjiżi li kollha jridu l-pavilions tagħhom, jien naħseb li dan hu bidu tajjeb ħafna u jawgura għall-futur.”
Min-naħa tiegħu, Mario Cutajar, President tal-maltabiennale.art u Chairman ta’ Heritage Malta, li qed torganizza dan il-festival, sostna li b’kollox fil-festival ta’ din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw mat-80 artist minn 23 pajjiż differenti.
“B’kollox se jkollna mal-20 padiljun barra l-wirja ewlenija li se tkun mifruxa ma’ Malta u Għawdex, imma hawnekk għandna bejn wieħed u ieħor 20 padiljun li se jkunu qed jieħdu sehem. Allura qed naraw diversi pajjiżi li qed jispjegaw lill-Eċċellenza tiegħu, il-President, it-tema u l-artisti min huma li se jkollhom fil-padiljuni tagħhom.”
Kienet proprju l-UNESCO li tat il-patrunaġġ tagħha għal dan il-festival tal-arti f’pajjiżna u t-tim kuratorjali internazzjonali hu mmexxi mid-Direttriċi Artistika Sofia Baldi Pighi.