Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella żaru lill-komunità Maltija, fiċ-Ċentru tal-Maltin f’New York.
Dan iċ-ċentru, li hu mmexxi minn voluntiera, twaqqaf fl-1979 bil-għan li l-Maltin ta’ New York ikollhom post fejn jiltaqgħu, jitħaddtu bil-Malti u jżommu ħajjin it-tradizzjonijiet Maltin u dan iċ-ċentru f’Astoria ġie inawgurat fl-1982.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella ħeġġeġ lill-Maltin biex ikomplu b’dawn it-tradizzjonijiet li jgħaqqdu lill-komunita.
Il-President qal li dan il-post oriġinarjament kien iservi ta’ wens u kenn għal dawk li emigraw fi New York u l-inħawi.
Dr Vella rrimarka l-irwol ta’ dawn iċ-ċentri nbidel u jservu, fost oħrajn, biex jinxterdu l-identità u l-kultura tal-Maltin, inkluż għat-tagħlim tal-ilsien Malti.
Il-President u s-Sinjura Vella kienu akkumpanjati mill-Ministru Byron Camilleri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istati Uniti, Godfrey Xuereb u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti, Vanessa Frazier.