Il-President ta’ Malta George Vella żar iċ-Ċentru Reġjonali ta’ Intervent fil-Pront f’Każ ta’ Tniġġis fil-Baħar fil-Mediterran (ir-REMPEC). Huwa qal li minkejja l-kisbiet fl-aħħar deċenji, għad iridu jingħelbu sfidi konsiderevoli biex niżguraw il-ħarsien tal-ambjent tar-reġjun tal-Mediterran kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u bbilanċjat tal-pajjiżi ta’ mal-kosta.
Din kienet l-ewwel żjara minn kap tal-istat f’dan iċ-ċentru, li hu amministrat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO) u li ilu bbażat f’Malta sa mill-istabbiliment tiegħu fl-1976 bħala Ċentru ta’ Attività Reġjonali tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran tal-Programm tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Ambjent (UNEP/MAP). Ir-REMPEC jassisti lill-istati kostali tal-Mediterran fir-ratifikazzjoni, it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ konvenzjonijiet marittimi internazzjonali relatati mal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-tniġġis mill-bastimenti. Jistabbilixxi wkoll sinerġiji bejn l-isforzi u l-prijoritajiet tal-UNEP/MAP u l-IMO, u joffri sostenn lill-istati kostali tal-Mediterran biex jirnexxu f’dawn l-oqsma ta’ prijorità.
Wara preżentazzjoni mis-Sur Gabino Gonzales Deogracia, Kap tal-Uffiċċju, dwar il-prijoritajiet u l-kisbiet taċ-Ċentru, il-President faħħar lir-REMPEC għax-xogħol eċċellenti tiegħu.
“L-isfidi ambjentali huma ferm aktar reali fil-Baħar Mediterran, li għandu densità għolja ta’ traffiku filwaqt li huwa parzjalment magħluq u, għalhekk, ferm aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tniġġis,” qal il-President.
Huwa sostna li minkejja li l-kuxjenza dwar it-tniġġis qiegħda tiżdied, u aktar u aktar nies qed jinvolvu ruħhom fil-ħidma favur inqas tniġġis tal-arja u aktar immaniġġjar tal-iskart, l-interess s’issa kien iffukat l-aktar fuq l-art. Dr. Vella saħaq: “Biss meta jseħħ xi diżastru marittimu li n-nies jirrealizzaw bl-importanza li nżommu l-ibħra tagħna ħielsa mit-tniġġis. Jinħtieġ li nedukaw aktar f’dan ir-rigward, u r-REMPEC qiegħed f’pożizzjoni tajba biex jissodisfa dan l-irwol.