Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu, Miriam Vella, żaru għall-aħħar darba d-Dar tal-Providenza fejn hemmhekk iltaqgħu u tkellmu ma’ bosta persuni.
Wara quddiesa, il-President iffirma wkoll il-ktieb tal-viżitaturi fil-Mużew Dun Mikiel Azzopardi.
Sussegwentement hu martu żaru postijiet differenti fid-Dar, fosthom is-sala ewlenija, il-craft room, il-pixxina terapewtika, ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni f’Villa Papa Giovanni, il-gym, filwaqt li ltaqgħu mar-residenti u l-ħaddiema.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, il-President Vella stqarr l-apprezzament tiegħu lejn din id-dar.
“Li dejjem irrikonoxxejna il-bżonn ta’ din id-Dar u dejjem irrikonoxxejna l-karità enormi li qed issir ġurnata wara ġurnata f’dan il-post hu veru. Però jien definittivament m’iniex li nippretendi li aħna għamilna xi ħaġa li jagħmlu dawn il-ħaddiema li ta’ kuljum qegħdin ma’ dawn ħutna li għandhom dawn il-bżonnijiet u nitlob lill-Bambin li jagħtihom il-paċenzja u jagħtihom id-dehen u jagħmlu dak li hemm bżonn magħhom.”