Il-President ta’ Malta, George Vella, saħaq li huwa m’għandux għalfejn jirriżenja wara talbiet li saru f’dan is-sens b’rabta mal-kwistjoni dwar l-iffirmar tal-liġi tal-IVF.
Il-President qal li hu mhux se jiġġudika x’qal ħaddieħor.
Il-liġi tal-IVF, li ġiet approvata mill-Parlament fis-6 ta’ Lulju, ġiet iffirmata mill-Aġent President ta’ Malta, Frank Bezzina, wara li l-President George Vella mar ir-Renju Unit iżur pazjenti li qed jirċievu l-kura għall-kanċer.
Wara l-iffirmar, il-liġi ġiet ippubblikata.
L-emendi għal liġi aktar b’saħħitha tal-IVF kienu waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Partit Laburista,waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali.
Il-Partit Laburista kien wiegħed li, fi żmien mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid, dawn l-emendi kienu se jkunu għaddew mill-Parlament.
B’riżultat ta’ dawn l-emendi se jiżdiedu n-nies li jgawdu mill-proċess tal-IVF bla ħlas, bl-età togħla għal 45 sena, se jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas, u s-servizz jiġi offrut anki lil min diġà għandu l-ewwel wild.
Dawn l-emendi se jagħtu aktar aċċess lit-tobba u l-ispeċjalisti sabiex jagħmlu użu aħjar mill-aħħar teknoloġija medika biex jiġu evitati stejjer ta’ qsim il-qalb, meta jkun hemm kundizzjonijiet ġenetiċi serji li bihom hemm possibilità kbira li t-trabi jmutu fi ftit ġimgħat jew xhur wara li jkunu twieldu.