Dan huwa Milied differenti ħafna minn dak li mdorrijin bih, u filfatt f’dawn l-aħħar disa’ xhur, minħabba l-pandemija, kellna nbiddlu ħafna affarijiet li konna mdorrijin bihom f’ħajjitna ta’ kuljum. Dan qalu l-President ta’ Malta George Vella, li f’dan il-Milied b’differenza għadda messaġġ lill-poplu.
Hawn innota kif fl-interess tas-saħħa pubblika, il-Festi u t-tradizzjonijiet marbuta magħhom kellhom jinbidlu. Stqarr li kien dispjaċir għalih u għal martu Miriam ukoll li f’dawn iż-żmien ma setgħux jiltaqgħu mall-pubbliku u jgħaddu l-awguri bħas-soltu.
Qal kif, “Wara kollox, l-ispirtu tal-Milied ma jinħassx biss fil-miġemgħa. Lanqas ma jinħass biss fil-festini u fir-riċevimenti. Nemmen li aħna l-Maltin, li tant ngħożżu l-familja, insibu l-milja tal-Milied fil-ġabra u l-għaqda mal-familja tagħna.Issa iktar minn qatt qabel nistgħu, u għandna, napprezzaw il-familja. “
Naturalment ma setax ma jindirizzax il-pandemija COVID-19, li din is-sena ħadet wħud mill-għeżież tagħna.
Sostna li, “Min jaf kemm minnkom, li tliftu lil xi membru tal-familja, jew inkella xi ħabib minħabba l-virus, tixtiequ li dawn għadhom magħna, igawdu dawn il-ġranet.Lilkom ilkoll, insellmilkom b’mod partikolari, u nwasslilkom minn qalbi l-kondoljanzi u s-solidarjetà. Inħeġġiġkom tagħmlu kuraġġ biex ilkoll negħlbu dawn il-mumenti diffiċli – flimkien. Irrid insellem ukoll, b’mod speċjali lill-anzjani, li wħud minnhom ma jistgħux iqattgħu din il-ġurnata ma’ wliedhom u n-neputijiet tagħhom, biex tkun imħarsa saħħithom.”
Hawn appella biex aħna lkoll nżommu kuntatt mal-familji tagħna b’xi telefonata jew messaġġ, b’mod partikolari lill-anzjani biex nuruhom li għalkemm huma iżolati, mhumiex minsija.
Qal, “Ejjew nużaw dawn il-ġranet biex inwasslu kelma ta’ kuraġġ kull fejn nistgħu, lil min hu rikoverat l-isptar, min għaddej minn xi trattament mediku, u lil dawk madwarna li qed iħossuhom vulnerabbli. Kliem ta’ faraġ u sostenn jiswa daqs il-kura medika.”
Hawn irringrazzja l-pubbliku tal-appoġġ li dejjem wera lill-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, u fakkar li din is-sena żdiedet ukoll it-talba għall-għajnuna, mill-marid u minn min hu fil-bżonn.
Il-President Vella semma wkoll l-Istrina tal-għada tal-Milied, iżda l-appell tiegħu għas-solidarjetà tal-Maltin tgħodd ukoll għall-bqija tas-sena l-ġdida.
Huwa għalaq b’messaġġ ta’ tama li Malta ma ddumx ma toħroġ minn din is-sitwazzjoni mwiergħa, u qal li l-aħbar tat-tilqima disponibbli li issa għandna kontra l-COVID-19, hija waħda ta’ faraġ.
Spjega li, “Jien għandi fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi. Nemmen li għandna biżżejjed reżiljenza biex ladarba nikkontrollaw il-COVID-19, naħdmu lkoll flimkien biex nagħtu ħajja mill-ġdid lil dawk is-setturi li minnhom tiddependi l-ekonomija ta’ pajjiżna. B’dan il-ħsieb, u b’din it-tama qawwija, jiena u marti, nixtiequ lilkom, lill-familji kollha tagħkom, u lill-għeżież tagħkom, Milied hieni u sena ġdida, mimlija barka, sliem, u fuq kollox saħħa.”