Il-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins, se jagħmel Żjara statali Malta din il-ġimgħa. Huwa mistenni jasal f’pajjiżna tard nhar l-Erbgħa u jitlaq lura s-Sibt.
Oriġinarjament il-President Irlandiż kellu jżur Malta f’Diċembru li għadda iżda ħass li kellu jħassar iż-żjara minħabba li l-qagħda tal-Covid-19 f’pajjiżu kienet qed teħżien.
F’messaġġ li għamel lill-komunità Irlandiża f’Malta fis-17 ta’ Marzu li għadda, fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Irlanda u l-Festa ta’ San Patrizju, il-President ta’ Malta, George Vella, esprima l-ħerqa tiegħu li ż-Żjara Statali sseħħ fil-futur qrib u ddeskriviha bħala okkażjoni li se tkompli tippromwovi l-ħbiberija u r-rispett reċiproku li ilhom jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi.