Fit-tieni jum taż-Żjara Statali f’pajjiżna, il-President Irlandiż Michael D. Higgins flimkien ma’ martu Sabina sellem il-memorja tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff quddiem il-monument iddedikat lilu fi Pjazza Kastilja.
Dan bħala parti minn bosta żjajjar kulturali li għandu.
Hawnhekk huwa sab grupp ta’ turisti Irlandiżi li laqgħuh.
Fost l-oħrajn, flimkien mal-President Malti George Vella, huwa żar il-Barrakka ta’ Fuq fejn seta’ jitpaxxa bix-xenarju li joffri l-Port il-Kbir.
Id-Delegazzjoni Irlandiża ser tkun qed tħalli pajjiżna fil-jum tas-Sibt wara anke li jkunu żaru t-Tempji ta’ Ħaġar Qim.
F’din iż-Żjara Statali ħareġ biċ-ċar ir-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn l-Irlanda u Malta, fejn f’laqgħa formali bejn iż-żewġ Kapijiet tal-Istat ġiet diskussa l-ħidma li ser issir sabiex tisaħħaħ il-koperazzjoni f’diversi oqsma bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-paċi fl-Ukrajna, il-Futur tal-Ewropa, it-tibdil fil-klima u n-newtralità li jħaddnu ż-żewġ pajjiżi, ukoll kienu temi ewlenin li ġew diskussi fil-laqgħa li saret bejn iż-żewġ delegazzjonijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton.