B’inizjattiva tal-Uffiċċju tal-President, Malta se tieħu sehem f’simpożji kulturali fejn se jiġu diskussi r-relazzjonijiet storiċi u kulturali bejn pajjiżna u pajjiżi oħrajn. L-ewwel simpożju f’din is-sensiela se tkun bejn Malta u Franza, b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Franċiża f’Malta.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Konsulent Kulturali fi ħdan l-Uffiċċju tal-President, Dr Sandro Debono, li spjega kif se jitqassam l-avveniment.
Huwa spjega: “Is-simpożju se jkun qed jittratta tliet temi prinċipali. L-ewwel tema hija l-istorja u r-rabtiet komuni li hemm bejn Malta u Franza. It-tieni tema hija dwar kultura, jiġifieri arti, attività kulturali u artistika. Hemmhekk l-istess, il-preżentaturi u riċerkaturi se jkunu qegħdin jitkellmu fuq din it-tema. It-tielet tema hija pjuttost interessanti wkoll se tittratta l-mobilità.”
Debono stqarr kif minkejja n-nuqqas ta’ prominenza tal-kultura fi djalogi diplomatiċi, din tista’ tkun għodda b’saħħitha biex tgħaqqad in-nazzjonijiet.
Huwa sostna: “Il-kultura hija mezz kif iġġib il-popli madwar il-mejda. Hija wkoll mezz kif tixpruna d-djalogu u l-għarfien aktar mill-qrib ta’ popli li ukoll meta wieħed ikollu storja komuni jew konnessjonijiet kulturali, artistiċi u storiċi jkun ħafna iktar faċli li wieħed jibni relazzjoni iktar dejjiema u b’saħħitha.”
L-ewwel simpożju se jsir fis-sebgħa ta’ Mejju, u kull min hu interessat jipparteċipa jista’ jibgħat email fuq oprculturesymposia@gov.mt.