Il-President ta’ Malta, George Vella, flimkien mal-Ministru responsabbli għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, nieda ktejjeb diġitali bit-titlu ‘l-ilsien Malti għal-Qalbi’, fl-iskola sekondarja medja ta’ San Injazju, f’Tal-Ħandaq. Il-ktieb se jitqassam b’xejn lill-istudenti kollha.
Il-President qal li dan il-ktejjeb diġitali se jkompli jgħin Iil-lingwa Maltija biex tibqa’ ħajja. Huwa qal li, minħabba l-influwenza barranija, sfortunatament il-Malti naqqas fl-użu tiegħu, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u għalhekk ħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun kburi li pajjiż tant ċkejken għandu l-lingwa tiegħu. Huwa saħaq fuq l-importanza li nkomplu nagħmlu użu mil-lingwa unika tagħna għax, wara kollox, hija parti mill-identità tagħna.
Intant, il-Ministru Clifton Grima, qal li huwa essenzjali li l-lingwa Maltija tibqa tevolvi, u għalhekk hija importanti li ninkorporaw it-teknoloġija mal-lingwa Maltija. Il-Ministru irringrazzja lill dawk kollha li ta’ kuljum jassiguraw li l-lingwa Maltija tkompli tevolvi.
Fost l-istudenti li kienu preżenti għat-tnedija tal-ktieb diġitali kien hemm Valentina Somerville, li għalkemm ma twelditx Malta, xorta waħda xtaqet li titgħallem din il-lingwa unika.
Iven Zerafa huwa student Malti, li tkellem magħna dwar għaliex għandna ngħożżu l-lingwa Maltija.
“Għax minħabba li aħna gżira ċkejkna, allura Malta tagħna hija unika u allura rridu nieħdu ħsieb li, ovvja, nitkellmuh u niktbuh sew.”
Niżżel il-ktieb minn din il-ħolqa:
https://president.gov.mt/wp-content/uploads/2023/03/L-ILSIEN-MALTI-GHAL-QALBI-2.pdf