Il-President ta’ Malta George Vella nieda ‘Il-Ballu tal-President 2024’, fost l-aħħar impenji pubbliċi tiegħu, b’riżq il-Malta Community Chest Fund, qabel tintemm il-Presidenza tiegħu. Il-Ballu se jiġi organizzat fil-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Belt Valletta, li għadu kemm ġie inawgurat ir-restawr estensiv tiegħu b’investiment ta’ aktar minn erbgħin miljun ewro.
Għaldaqstant il-Ballu nhar is-Sibt 2 ta’ Marzu li ġej se jimmarka okkażjoni speċjali lil dawk kollha li se jattendu biex jaraw mill-qrib ix-xogħol metikoluż li twettaq fil-post matul din l-istess Presidenza, li lanqas setgħet topera minn din is-sede uffiċjali waqt l-istess proċess estensiv.
Il-President sostna li ballu bħal dan se jerġa’ jagħti ċertu timbru lill-Presidenza.
“Nawgura u ngħidu bl-akbar responsabbiltà li ħafna mir-responsabbiltajiet li llum qed terfa’ l-Community Chest Fund jiena nawgura li maż-żmien anke jiġu meħuda mill-Gvern, ħalli ma jkunx hemm dak il-bżonn li wieħed joqgħod jistenna l-Community Chest Fund biex jieħu mediċini speċjalment jew inkella kura.”
Il-President George Vella
Il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu, stqarr li din l-attività se tkun l-aħħar waħda b’riżq il-Malta Community Chest Fund tul din il-Presidenza u se sservi bħala tislima xierqa lill-President Vella u s-Sinjura tiegħu.
Fid-diskors tiegħu, hu rringrazzja lill-isponsors tal-avveniment u lil dawk kollha li qed jagħtu daqqa t’id fl-organizzazzjoni tiegħu.
De Petri Testaferrata qal li l-biljetti, bil-prezz ta’ 200 ewro, jistgħu jinxtraw onlajn minn fuq is-sit www.thepresidentsball.com.