Għall-aħħar darba fil-Presidenza tiegħu, Dr George Vella laqqa’ fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta lill-korp diplomatiku, fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida, fejn qasam xi riflessjonijiet fuq l-istat attwali tal-politika globali.
Fl-indirizz tiegħu, il-President qal li, għalkemm Malta hi nazzjon vulnerabbli, xorta waħda japrezza sistema multilaterali fejn kull pajjiż hu kkunsidrat ugwali, irrispettivament mid-daqs tiegħu, tal-ekonomija tiegħu jew tal-qawwa militari li jista’ jkollu.
Qal li, waqt li żammet sew mal-istat tan-newtralità tagħha, madankollu, Malta ma setgħetx tibqa’ siekta quddiem żewġ konfronti kbar li għaddejin bħalissa: il-Gwerra f’Gaza u l-invażjoni Russa fl-Ukranja. Esprima d-diżappunt tiegħu u qal li ż-żejjed kollu żejjed.
F’dan il-messaġġ annwali tiegħu, il-President Vella feraħ ukoll lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, tax-xogħol siewi li qed jagħmel f’isem Malta fix-xena globali, inkluż issa fit-tmexxija tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, mill-ewwel ta’ Jannar li għadda.
Quddiem il-problema tal-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran, il-President saħaq li din il-kwistjoni għad trid ttieħed azzjoni fuqha u tissolva ruħha. Hu kompla billi talab lill-komunitajiet internazzjonali biex jirrikonoxxu t-tensjonijiet li hawn fil-Mediterran quddiem dan il-konfront, fost oħrajn.
Il-President semma wkoll il-kriżi fil-klima, fejn qal li 36 sena mit-talba li Malta kienet għamlet lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar, xorta waħda għadu ma sar xejn fil-konfront ta’ gżejjer bħal pajjiżna. Hu ħeġġeġ biex jittieħdu azzjonijiet ambjentali qabel ikun tard wisq.
Biex jiġu indirizzati dawn il-kriżijiet, il-President talab lill-mexxejja kollha biex bħala prijorità jaraw li jirrisolvu l-konflitti li għaddejin bħalissa u li jerġgħu jibdew bil-proċessi ta’ djalogi. Żied jgħid ukoll kemm hi importanti l-umiltà quddiem id-diplomaziji preżenti.
Fl-aħħar nett, il-President temm id-diskors tiegħu billi qal li għalkemm dawn l-aħħar snin kienu mimlija sfidi, hu xorta għamel l-almu tiegħu biex jaqdi dmirijietu u rringrazzja lil dawk preżenti u talab biex ikomplu jikkoperaw mas-suċċessur tiegħu.
Tkellem ukoll in-Nunzjo Appostoliku Savio Hon Tai-Fai u, fil-kemltejn tiegħu f’isem il-korp diplomatiku, irringrazzja lill-President tax-xogħol siewi li għamel matul il-Presidenza, speċjalment fil-konfront ta’ dawk inqas privileġġati u saħaq, li għalkemm bħala pajjiż qed inħarsu dejjem ’il quddiem, xorta waħda żammejna mat-tradizzjonijiet u l-valuri preżenti u passati ta’ pajjiżna.