Kompliet titqarreb il-ħidma tal-President maċ-ċittadini u r-residenti, hekk kif din id-darba l-President ta’ Malta George Vella kompla jisma’ l-esperjenzi tas-sindki tal-kunsilli lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun Ċentru.
Il-President fisser kif l-għan ta’ dawn il-laqgħat huwa li jisma’ dwar it-tħassib tar-rappreżentanti taċ-ċittadini fuq livell lokali. Huwa nnota l-messaġġ komuni li kien hemm mis-sindki ta’ dan ir-reġjun, partikolarment fuq kwistjonijiet ta’ kostruzzjoni, traffiku u t-tniġġis tal-arja.
Huwa tkellem dwar il-ħsieb tiegħu li l-kunsilli lokali jipparteċipaw fil-ħidma tal-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali biex: “titqajjem kuxjenza akbar dwar kif nistgħu naħdmu flimkien biex insolvu l-problemi komuni li għandna.”
Min-naħa tiegħu, is-Sur Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, qal li, “Il-Presidenza qed turi fiduċja u tama li l-kunsilli lokali jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom fl-għaqda nazzjonali u jagħtu eżempju f’dan ir-rigward.”
Ritratt: OPR