Fi żjara li għamel fil-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina, il-President George Vella indirizza grupp ta’ studenti tas-Sekondarja waqt attività relatata mal-proġett CORALLO, liema proġett jara li jkun apprezzat il-wirt naturali permezz tat-teknoloġija fl-istess mużew.
Fid-diskors tiegħu immirat lejn l-istudenti, il-President semma l-kriżijiet ambjentali bħalma huma t-tibdil fil-klima u t-telfien ta’ bijodiversità, li se jkunu qed joffru sfida għall-ġenerazzjoni futura.
Rigward il-proġett CORALLO, il-President qal lill-istudenti preżenti li l-parteċipazzjoni tagħhom hija l-ewwel ħolqa fil-katina tas-sostenibbiltà. Filwaqt li anke ħeġġeġ biex aktar żgħażagħ ikomplu l-istudji akkademiċi tagħhom f’setturi relatati mal-ħarsien tal-ambjent, Dr Vella sostna li s-soluzzjonijiet għall-problemi li għandna qegħdin fl-istudju tax-xjenzi.
Il-President faħħar l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-Mużew tal-Istorja Naturali u radd ħajr lill-Università ta’ Malta, permezz tal-Professur Alan Deidun, li fasslet u mexxiet il-proġett CORALLO, sa mill-2020, u lill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) u Heritage Malta, li huma s-sħab l-oħra Maltin fil-proġett.