Il-President ta’ Malta, George Vella, esprima tama li r-riċerka dwar id-disturbi fl-ikel fil-minorenni tkompli timraħ sabiex tgħinna nifhmu t-tibdil fis-soċjetà tagħna u kif l-aħjar nilqgħu għal dawn id-disturbi sa mill-bidu nett li jibdew joħorġu s-sintomi.
Il-President kien qiegħed jindirizza seminar dwar id-disturbi fl-ikel fil-minuri organizzat minn Dar Kenn Għal Saħħtek, faċilità residenzjali u semiresidenzjali li għandha l-għan li tipprovdi trattament ħolistiku lill-pazjenti b’disturbi tal-ikel u bi problemi fl-imġiba minħabba l-piż, li matulu ġew ippreżentati u diskussi l-eżiti ta’ studju dwar id-Disturbi fl-Ikel fil-Minorenni f’Malta kkummissjonat mill-faċilità wara li din rat żieda fin-numru ta’ pazjenti ta’ età żgħira li jfittxu l-kura. L-istudju twettaq mill-Prof. Andrew Azzopardi u mis-Sa Annabel Cuff.
Il-President irrimarka li l-impatt tad-disturbi fl-ikel huwa kbir u jaffettwa ħafna oqsma tal-ħajja individwali u pubblika. Għalhekk, huwa importanti li wieħed jistudja dan il-fenomenu biex jara jekk l-inċidenza hix tiżdied u, f’dak il-każ, jidentifika l-kawżi. Dan huwa proprju l-iskop ta’ studji bħal dawn, qal il-President, għax jibnu bażi biex Dar Kenn għal Saħħtek tkun tista’ tippjana għall-ġejjieni. Qal li iktar ma nilqgħu fil-bidu, iktar jittejjeb iċ-ċans li l-kura tirnexxi, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fost il-ġenituri, l-edukaturi u l-istudenti f’dan il-qasam.
Filwaqt li faħħar lil Dar Kenn Għal Saħħtek, il-President esprima tama li, bis-saħħa ta’ dan l-istudju, din il-faċilità tkun tista’ tfassal pjan ta’ ħidma li jgħin lit-tfal milquta bl-aħjar mod possibbli. Huwa tenna s-sodisfazzjon tal-presidenza għall-fatt li din il-faċilità nibtet mill-Malta Community Chest Fund, u żied jgħid li iktar ma wieħed jitgħallem dwar ix-xogħol eċċellenti tagħha, iktar ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati l-fondi u l-enerġija investiti fiha. Huwa ħeġġeġ lill-faċilità tkompli tippromwovi s-servizzi tagħha biex iktar nies li jbatu minn disturbi fl-ikel ikunu jafu bihom u, b’hekk, ikunu jistgħu jużaw dawn is-servizzi.
Wara s-seminar, il-President u s-Sinjura Miriam Vella ġew mistiedna minn Dr Anton Grech, Chairperson, u Darlene Zerafa Spiteri, Direttur ta’ Dar Kenn Għal Saħħtek għal laqgħa privata mar-residenti u mal-ħaddiema.
Ritratti: (OPR)