Il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ħallew Malta għal żjara fl-Istati Uniti u l-Kanada.
Fi New York, il-President Vella se jkun wieħed mill-kelliema ewlenin f’dibattitu miftuħ, organizzat mill-Presidenza Żvizzera tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, fuq il-protezzjoni tan-nies f’kunflitti armati bit-titlu ‘Ensuring the security and dignity of civilians in conflict: Addressing food insecurity and protecting essential services’.
Il-president se jkollu diversi laqgħat bilaterali, fost oħrajn, mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres, mal-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Csaba Kőrösi, u mar-Rappreżentant Għoli għall-Alleanza taċ-Ċiviltajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, Miguel Ángel Moratinos. Fil-marġini tal-impenji tal-President Vella fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, huma skedati numru ta’ laqgħat oħrajn.
L-impenji tal-president, tas-Sinjura Vella u tad-delegazzjoni Maltija jinkludu wkoll laqgħat mal-komunitajiet Maltin fi New York u f’Detroit, l-Istati Uniti, u f’Toronto, il-Kanada.
Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fl-Istati Uniti u l-Kanada tinkludi lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri.
Sakemm il-President George Vella jkun impenjat biż-żjara fl-Istati Uniti u l-Kanada, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President George Vella u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2023.