Il-President ta’ Malta George Vella, sellem il-memorja tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici.
Fuq il-midja soċjali, il-President Vella qal kif jinsab imnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Mifsud Bonnici u bagħat il-kondoljanzi tiegħu lil qrabatu.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, f’ismu u f’isem il-Kamra tad-Deputati, esprima sentimenti ta’ sogħba għall-aħbar tal-mewt tal-Eks Deputat Parlamentari u Eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. Huwa jsellem il-memorja tiegħu u ta l-kondoljanzi lill-familja kollha.
Il-Gvern ta’ Malta wkoll sellem il-memorja tal-eks Prim Ministru, fejn fi stqarrija ntqal kif Karmenu Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu bi djalogu favur l-interessi tal-ħaddiema.
Ara wkoll:
Fi stqarrija oħra l-Partit Laburista qal kif Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ideal soċjalist demokratiku li ħaddnu b’konvinzjoni u l-mod kif iddedika ħajtu għall-ħidma favur il-klassi tal-ħaddiema.
Il-Partit Laburista rrikonoxxa l-ħidma sfiqa minn Karmenu Mifsud Bonnici sabiex isawwar il-prinċipji soċjalisti b’saħħithom tal-Partit u bagħat il-kondoljanzi sinċiera lill-qraba ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u dawk l-aktar qrib tiegħu.
Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, it-tnejn sellmu l-memorja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u qalu kif kien bniedem li ħadem b’determinazzjoni għall-ideal li emmen fih.
Fuq il-midja soċjali, kien bosta deputati u eks deputati miż-żewġ naħa tal-Kamra tar-Rappreżentanti li wkoll sellmu l-memorja tal-eks Prim Ministru Malti.