Il-President ta’ Malta se jkun qed iżur l-Awstrija biex jinawgura l-Presepju Artistiku Malti fi Vjenna flimkien mas-Sinjura Vella.
Il-Presepju Tradizzjonali Malti, li fl-aħħar snin intrama fi Pjazza San Pietru l-Vatikan, fil-Pjazza tan-Nattività f’Betlem u fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta, issa se jiġi inawgurat mill-President Vella fil-belt kapitali Awstrijaka, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis.
Il-President George Vella mistenni jkollu laqgħat mal-President tal-Awstrija Alexander Van der Bellen, kif ukoll mas-Sindku u Gvernatur ta’ Vjenna Michael Ludwig u mad-dijaspora Maltija fl-Awstrija.
Sakemm il-President ikun Vjenna, is-Sinjura Dolores Cristina se sservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.