Illum, il-President George Vella ħalla Malta għall-Polonja biex ikun jista’ jattendi għall-kommemorazzjoni ta’ meta l-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau nħeles minn taħt in-Nażisti.
Dan hekk kif għada, it-Tnejn 27 ta’ Jannar, jaħbat il-75 sena mindu seħħ dan l-avveniment dinji li se jitfakkar b’ċerimonja simbolika fi Krakovja, quddiem id-daħla ta’ wieħed mill-iktar kampijiet tal-konċentrament li fih inqatlu priġunieri tal-Ġermaniżi fit-Tieni Gwerra Dinjija, li 40% minnhom kienu Pollakki. Fost il-vittmi li l-iktar jissemmew li nqatlu f’Auschwitz-Birkenau kien hemm Lhud, żingari u priġunieri minn 20 pajjiż differenti.
Fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, se ssir kommemorazzjoni f’Auschwitz-Birkenau li matulha mistennija jitfakkru l-vittmi li ħallew ħajjithom f’dan il-kamp tal-konċentrament. Maż-żmien, dan il-post bħal inbidel f’monument simboliku tal-ħruxijiet li għaddew minnhom il-priġunieri li kienu jinżammu arrestati f’Auschwitz-Birkenau waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Iktar minn 50 kapijiet ta’ stat u mexxejja dinjin se jattendu għal din iċ-ċerimonja, fosthom il-President George Vella li se jkun qed imexxi delegazzjoni Maltija li fost l-oħrajn se tikkonsisti wkoll lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo.
Waqt li se jkun il-Polonja, il-President Vella se jkollu laqgħat mal-Arċisqof ta’ Krakovja, Marek Jedraszewski, kif ukoll mas-Sindju ta’ Krakovja, Jacek Majchrowski. Barra minn hekk, se jkun qed jindirizza lill-istudenti f’waħda mill-eqdem u l-iktar universitajiet prestiġjużi fl-Ewropa, Jagiellonian University, u se jiltaqa’ mal-ogħla uffiċjali tal-istess università.
Sakemm il-President Vella se jkun il-Polonja, is-Sinjura Dolores Cristina se tkun qed isservi fil-kariga ta’ Aġent President.