Il-President George Vella qed ikun propost li jsir il-Patrun taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Commonwealth f’Malta. Din il-proposta saret waqt il-laqgħa li l-President Vella kellu llum mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Patricia Scotland f’Marlborough House, f’Londra.
Il-Barunessa Scotland faħħret l-impenn li dejjem wera l-President Vella fl-ambitu tal-Commonwealth meta kien Ministru għall-Affarijiet Barranin u qalet li bħala President konvinta li huwa se jkompli jaħdem fuq kwistjonijiet importanti li jaffettwaw lill-pajjiżi tal-Commonwealth.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth faħħret lil Malta għall-organizzazzjoni taż-żewġ laqgħat tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonwealth fl-2011 u fl-2015. Hija sostniet li kull min attenda għal dawn il-laqgħat ħarġu sodisfatti bl-eżitu tagħhom.
Hija aċċennat ukoll għal bosta kwalitajiet li għandu l-President Vella, fosthom l-onestà, il-ġenerożità u l-fatt li huwa disponibbli għal kulħadd.
Min-naħa tiegħu, il-President Vella qal li jinsab onorat li qed jiġi propost għal din il-kariga mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth. Huwa tenna li se jikkunsidra din il-proposta wara li jikkonsulta mal-Prim Ministru, Joseph Muscat.
Il-President, faħħar ħidma li qed il-Barunessa Scotland fost il-pajjiżi tal-Commonwealth. Huwa qal li fil-laqgħat li kellhom, iddiskutew il-viżjoni tagħha rigward it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp, kif ukoll bosta sfidi u opportunitajiet oħrajn li qed jaffettwaw lil terz tal-popolazzjoni globali.