L-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini tinsab fil-proċess li toħroġ għadd ta’ liċenzji ġodda għal kumpaniji internazzjonali li jridu bażi f’Malta għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali tal-kannabis.
L-Awtorità dwar il-Mediċini tieħu ħsieb il-liċenzja nnifisha tal-kumpanija wara li tirċievi letter of intent mill-Malta Enterprise biex tibda l-proċess għall-ftuħ ta’ bażi f’Malta.
Id-Direttur tal-Inizjattivi Xjentifiċi Avvanzati fi ħdan l-Awtorità Luana Mifsud Buhagiar, spjegat li l-Awtorità ssewgi lill-kumpanija mill-bidu nett biex tassigura li l-operazzjoni ssir skont il-liġi Maltija.
“Hemm numru ta’ kumpaniji li diġà għandhom letter of intent u kollha avviċinaw lill-Awtorità. Aħna nsegwuhom mill-bidu u naraw xi pjanijiet għandhom u diġà għandna kumpaniji li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom magħna.”
Xogħol l-Awtorità ma jiqafx hawn. Mifsud Buhagiar spjegat ukoll li saret prassi normali li l-kumpaniji jitolbu uffiċjali Maltin mill-Awtorità biex jagħmlu spezzjonijiet tal-prodotti li se jintużaw u li jkunu ġejjin minn barra l-Ewropa.
“Xi wħud minnhom ikunu jridu jibdew b’materjal li ġej minn pajjiżi barra mill-Ewropa, per eżempju mill-Kanada u l-Awtorità qed toffri s-servizz ta’ Awtorità kompetiti mill-Unjoni Ewropea li tivverfika l-proċess. Aħna għamilna spezzjonijiet fil-Kanada f’dan ir-rigward.”
U biex tagħmel dan għandek bżonn riżors uman ikkwalifikat.
“Din l-area nirregolawha bl-istess mod kif nirregolaw il-farmaċija tal-mediċinina. Għandhom bżonn production manager, quality control u qualified person fost l-oħrajn. Kollha rwoli li jistgħu jittieħdu minn professjonisti Maltin. Għal dan l-għan, l-Awtorità taħdem ħafna fuq training u fasslet akkademja biex ikollna aktar professjonisti li jaħdmu f’dawn l-oqsma ta’ innovazzjoni li qed jidħlu f’pajjiżna.”
Waqt żjara li l-President ta’ Malta George Vella għamel fil-bini tal-awtorità, huwa ħeġġeġ lill-istudenti Maltin biex isegwu karriera f’dawn l-oqsma li qed joffru opportunitajiet kbar.
“Inħajjar studenti biex jaraw il-potenzjal u l-okkażjonijiet li hawn f’dawn l-oqsma għaliex nemmen li fihom sodisfazzjonijiet kbar fejn wieħed jista’ jkabbar l-għarfien tiegħu tul ħajtu.”