Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella żaru Palazzo Falson, waħda mill-aktar djar antiki fl-Imdina, illum mibdula f’mużew immexxi mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti. Huma ntlaqgħu, iddawru mal-post, u tlaqqgħu mal-istaff, mal-apprentisti, u mal-voluntieri mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Michael Lowell, u mill-Kuratur tal-post, Caroline Tonna.
Fi tmiem iż-żjara, il-President Vella kkummenta li wieħed irid jammira l-fatt li l-materjal li hemm miġbur f’dan il-post tħalla mill-Kaptan Olof Frederick Gollcher OBE (1889-1962), li kien artist, filantropu, u kollettur tal-objets d’art u tal-affarijiet storiċi, biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajh. Huwa appella biex, flimkien mat-turisti, anki l-Maltin iduqu l-ġmiel ta’ postijiet bħal dawn.