Sigħat qabel l-Istrina, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru l- l-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop fejn it-Tnejn 26 ta’ Diċembru se ssir l-Istrina 2022.
L-edizzjoni ta’ din is-sena għanda dehra ġdida u aktar friska u se tkun qed tiġi imxandra bejn nofsinhar u nofsillejl fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali kollha.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi wkoll attività f’Villa Rundle r-Rabat Għawdex fl-istess ħin li se tkun għaddejja l-Istrina f’Ħal Kirkop.
Filwaqt li osserva l-aħħar tħejjijiet taż-żoni fejn se jsir id-divertiment, jitwieġbu t-telefonati u jintlaqgħu l-pledges għal The Malta Community Chest Fund, il-President Vella rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha li ilhom bosta jiem jippreparaw għax-xandira maratona.
Il-President George Vella spjega li huwa impressjonat li hawnhekk kważi kollox lest, u issa jinsab ħerqan biex l-għada tal-Milied jibda jilqa n-nies bid-donazzjonijiet.
Il-President qal li jittama li minkejja d-diffikultajiet wara s-sentejn tal-pandemija, din is-sena jkun hemm aktar attività ġewwa l-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.
“Jien nawgura li din is-sena minkejja d-diffikultajiet wara sentejn ta’ pandemija jkun hemm libertà li jkun hemm aktar preżenza ta’ nies u l-moviment ikun aktar liberu. Pero, l-aktar ħaġa importanti huwa li niġbru l-akbar somma li nistgħu għal The Malta Community Chest Fund.”
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund, is-Sur John Huber, qal li dan il-Milied m’hemmx rigal isbaħ milli wieħed jagħti donazzjoni biex jgħin lil ħaddieħor li jkun għaddej minn żmien diffiċli.
“Jien naħseb li m’hemmx rigal aħjar, milli tħossok tajjeb, li tħossok li għamilt differenza għal persuna li jibqa jgħix li jkollu d-dinjità huwa l-akbar att ta’ karità u huwa l-iktar ħaġa li ġġiegħlek tħossok tajjeb”.