Il-President George Vella jinnota bi pjaċir il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef li se jieħu l-kariga wara li jispiċċa t-terminu tal-Prim Imħallef sedenti Dr Joseph Azzopardi.
Il-President, li jippresedi l-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, jifraħ liż-żewġ naħat u jawgura li deċiżjonijiet oħra urġenti, speċjalment dawk irrakkomandati mill-Kummissjoni Venezja, isibu wkoll qbil.
Il-President Vella jirringrazzja lill-membri taż-żewġ naħat tal-Kamra, kemm dawk li hemm bħalissa, kif ukoll dawk li kienu fuq il-Kummissjoni qabel, għax-xogħol li għamlu u għall-koperazzjoni li wrew matul ix-xhur li fihom saru diskussjonijiet mhux faċli biex jintlaħaq ftehim.
Il-President jawgura li fi ħdan il-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali jirrenja dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni, biex titwitta t-triq għaż-żamma ta’ Konvenzjoni Kostituzzjonali, fejn fi spirtu ta’ diskussjoni wiesgħa, miftuħa u mill-iktar rappreżentattiva, jiġu diskussi dawk l-emendi li jkunu jinħassu meħtieġa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.