Il-President George Vella laqa’ lis-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit, James Cleverly, fil-Palazz ta’ Sant’Anton għal skambji dwar kwistjonijiet ta’ importanza bilaterali u internazzjonali.
Fil-bidu tal-laqgħa, il-President Vella rrefera għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit, iffirmat aktar kmieni llum, bħala mument importanti ieħor fit-titjib u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-president laqa’ dan l-iżvilupp u faħħar it-test orjentat lejn ir-riżultati li ser ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet eċċellenti li diġà hemm.
Il-gwerra fl-Ukrajna kienet suġġett prominenti fl-iskambji mas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin fejn ġie apprezzat il-fatt li, minkejja n-newtralità tagħha, Malta kkundannat bla tlaqliq l-invażjoni Russa u pprovdiet għajnuna tanġibbli lill-poplu Ukren.
Iż-żewġ partijiet saħqu dwar l-importanza tal-kooperazzjoni multilaterali bejn ir-Renju Unit u Malta, u stqarrew li din saħansitra ser tilħaq livell ieħor matul il-perjodu li fih Malta taqdi rwol fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2023-2024. Il-Commonwealth tipprovdi wkoll pjattaforma eċċellenti għal kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet globali urġenti, b’mod speċjali dawk li jaffettwaw lill-istati ż-żgħar.
Ġew diskussi wkoll ir-reġjun tal-Mediterran u tas-Saħel, flimkien mal-aktar xenarju riċenti relatat mal-migrazzjoni.
Għal din il-laqgħa, il-President Vella kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg.