Fl-ewwel laqgħa tal-Arraiolos mindu nħatar president, il-President ta’ Malta George Vella tkellem fil-kuntest tat-tema li ġiet diskussa mit-13-il president tal-Unjoni Ewropea li ltaqgħu matul il-ġurnata f’Ateni, il-Greċja.
It-tema tal-15-il laqgħa tal-Arraiolos kienet titratta l-prinċipju fundamentali tas-solidarjetà għat-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea u l-promozzjoni ta’ iktar integrazzjoni tal-istess Unjoni. Il-presidenti ta’ Malta, il-Greċja, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja ffukaw fuq l-isfidi ekonomiċi u l-immigrazzjoni kif ukoll is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea.
Fl-interventi tiegħu, il-President Vella tkellem dwar l-immigrazzjoni u l-kriżi tar-refuġjati fil-Mediterran u l-importanza tal-prinċipju tas-solidarjetà fost il-pajjiżi milquta bħalma huma l-Greċja, l-Italja u Malta stess biex ma jitħallewx ifendu għal rashom. Sostna li l-pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera ma jistgħux jibqgħu jitħallew waħidhom isolvu kull każ individwalment.
B’reazzjoni, il-President Grieg Prokopis Pavlopoulos iddeskriva l-irwol ta’ Malta bħala eżemplari fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni filwaqt li diversi presidenti oħra rreferew għad-Dikjarazzjoni ta’ Malta dwar l-Immigrazzjoni bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba f’dan ir-rigward.
Il-President Vella enfasizza li l-valuri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tat-tolleranza, tal-ugwaljanza u tad-drittijiet fundamentali, għandhom jibqgħu l-bażi tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea ġdida. Dan intqal ukoll fil-kuntest taż-żmien kruċjali li se tgħaddi minnu l-Unjoni Ewropea minħabba Brexit.
Kwistjoni oħra li tkellem dwarha l-President Vella hija s-sigurtà fil-Mediterran li qed tifni lir-reġjun minħabba kwistjonijiet politiċi u ġeo-stateġiċi. Il-President Vella enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm iktar kontroll fit-traffikar tal-armi għax jekk din il-kwistjoni tiġi indirizzata jonqos iċ-ċans ta’ gwerer u ta’ kunflitti.
Il-President Vella wera t-tama li d-diskussjonijiet li saru matul din il-laqgħa u li se jkomplu jsiru fiż-żmien li ġej dwar dawn it-temi jistgħu jirrendu f’iktar soluzzjonijiet dejjiema għall-Mediterran u għall-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, fi tmiem il-laqgħa tal-Arraiolos, il-presidenti qablu fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Ateni, li fiha qalu li l-Ewropa teħtieġ tkompli bid-dibattitu politiku fil-futur, bil-għan li tixpruna iktar opinjonijiet diversi u ideat innovattivi. Fid-dikjarazzjoni l-presidenti esprimew li l-laqgħat futuri għandhom ikunu ffukati fuq it-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea.