Wara ċerimonja ta’ merħba fil-Palazz ta’ Riga, il-President Vella kellu taħditiet uffiċjali mal-President tal-Latvja, Egils Levits, fil-bidu ta’ Żjara Uffiċjali ta’ jumejn fil-Latvja. Iż-żewġ Presidenti laqgħu r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti u l-kooperazzjoni kostruttiva bejn iż-żewġ pajjiżi fi kwistjonijiet reġjonali. Il-President Vella qal li sa mit-twaqqif uffiċjali tar-relazzjonijiet diplomatiċi fl-1992, sar progress notevoli f’diversi oqsma, b’mod partikolari l-investiment Malti fil-Latvja, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-kultura.
Iddiskutew fid-dettall il-gwerra fl-Ukrajna. Il-President Vella spjega lill-President Levits kif Malta qiegħda tindirizza l-konsegwenzi tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, kemm b’mod bilaterali kif ukoll permezz ta’ inizjattivi mmexxija mill-UE. “Mil-lat multilaterali, irridu nkomplu nħarsu l-għaqda f’oqsma importanti u nużaw il-pożizzjoni tagħna biex nispjegaw b’mod ċar l-effetti u l-atroċitajiet umanitarji li qegħdin iseħħu kontra l-poplu tal-Ukrajna. Minkejja li n-newtralità tagħna hija mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħna, Malta ddefendiet b’mod kategoriku lill-Ukrajna. La konna siekta u lanqas passivi,” qal il-President Vella f’konferenza stampa wara t-taħditiet uffiċjali.
Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq kwistjonijiet tal-UE, fejn il-President Vella rrimarka li bħala pajjiż żgħir f’reġjun imqalleb u mhux stabbli, Malta temmen li hemm bżonn Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni b’saħħitha u magħquda, bl-użu tal-għodod kollha disponibbli, sabiex jiġu evitati u indirizzati l-kriżijiet, jissaħħu l-istituzzjonijiet dgħajfa fil-viċinat tagħna, u naħdmu aktar mill-qrib mas-sħab tagħna, speċjalment in-Nazzjonijiet Uniti.
Il-President Vella għarraf lill-President Levits dwar ix-xenarju inkwetanti fil-Mediterran, u qal li huma meħtieġa politiki u inizjattivi proattivi biex jipproteġu s-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun biex jiġi evitat li tfaqqa’ kriżi fi kriżi. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari, il-President Vella qal li din hija sfida tal-UE u mhux biss tal-ftit stati membri l-aktar esposti. “Huwa meħtieġ approċċ komprensiv fil-livell tal-UE sabiex din l-isfida tiġi indirizzata b’mod effettiv,” qal il-President. F’dan ir-rigward, il-President Levits qal li l-migrazzjoni irregolari hija problema sinifikanti ħafna u li l-pajjiżi għandhom isaħħu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.
It-taħditiet koprew ukoll ir-rwol attwali ta’ Malta bħala Membru mhux Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li beda f’Jannar u ser jintemm f’Diċembru tal-2024.
Wara t-taħditiet bilaterali, iż-żewġ Presidenti pparteċipaw f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri quddiem il-Monument tal-Ħelsien fiċ-Ċentru ta’ Riga, li jfakkar lil dawk li tilfu ħajjithom matul il-Gwerra għall-Indipendenza tal-Latvja.
F’Riga, il-President Vella kellu laqgħat separati mal-Prim Ministru tal-Latvja, Krišjānis Kariņš, u mad-Deputat Speaker ta’ Saeima (tal-Parlament tal-Latvja), Zanda Kalniņa-Lukaševica. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-isfidi reġjonali, l-Ukrajna, il-Mediterran, l-Afrika u l-kooperazzjoni multilaterali. Matul il-laqgħat, il-President Vella esprima l-appoġġ tiegħu għall-isfidi li għaddejjin minnhom pajjiżi bħal-Latvja li jinsabu viċin tal-kunflitt fl-Ukrajna.
Waranofsinhar, id-delegazzjoni Maltija li qiegħda takkumpanja lill-President, li tinkludi lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, żaret il-Mużew tal-Okkupazzjoni tal-Latvja.
Fi programm separat, is-Sinjura Vella għamlet diskors ewlieni f’forum bit-titlu “The Right to a Dignified Death”, organizzat mill-Fondazzjoni Hospiss LV.
Ċena Uffiċjali organizzata mill-President Levits u s-Sinjura Levite, ad unur il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella, ser iġġib fi tmiemha din l-ewwel ġurnata taż-Żjara Uffiċjali fil-Latvja.