Fi żjara lill-ħaddiema tal-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-MITA, il-President George Vella ngħata rendikont tax-xogħol li jsir minn din l-entità, fosthom miċ-Chairman Eżekuttiv Tony Sultana.
Il-MITA twettaq ħidma fuq is-sistemi teknoloġiċi kollha tal-gvern, xogħol li ilu jsir għal dawn l-aħħar 29 sena u huwa kruċjali għal pajjiżna minħabba li fost l-oħrajn tipproteġi s-sigurtà virtwali ta’ diversi entitajiet pubbliċi importanti, inklużi dipartimenti tal-gvern, sptarijiet u banek.
F’laqgħa mal-membri tal-bord tad-diretturi tal-MITA, intqal li minbarra l-aspett speċjalizzat tat-teknoloġija tal-informazzjoni, l-aġenzija timpenja ruħha wkoll fl-aspett soċjali permezz ta’ MITA Cares, kemm f’ħidma fil-komunità kif ukoll mal-impjegati tagħha li jkunu għaddejjin minn xi saram.
Il-President Vella wera apprezzament għax-xogħol li qed tagħmel il-MITA u qal li din l-aġenzija taf tkun mudell għal kumpaniji oħra. Sostna li minbarra x-xogħol speċjalizzat li jsir mill-MITA bi professjonalità u dedikazzjoni, din l-entità hija eżemplari wkoll fl-inizjattivi ta’ volontarjat li l-ħaddiema jagħmlu, fosthom mal-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).
Il-MITA, li tħaddem 350 ħaddiem, tagħti sostenn lill-MCCFF waqt ir-Rockestra u l-Istrina. Numru sostanzjali ta’ ħaddiema jiddedikaw parti minn ħinhom biex jagħtu kontribut tekniku fis-sistemi teknoloġiċi li jintużaw f’dawn l-avvenimenti.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-President Vella ltaqa’ wkoll mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, il-FITA, li hija fergħa mill-MITA u ngħata idea aħjar ta’ kif topera din l-entità li tipprovdi aċċess aħjar lill-persuni b’diżabilità fl-użu tal-għodod teknoloġiċi.