Il-President ta’ Malta George Vella saħaq dwar l-importanza li l-iżvilupp li jsir f’Għawdex ma jseħħx għad-detriment tal-ambjent naturali, li tant jikkaratterizza lil din il-gżira.
Hu u jindirizza ċ-ċerimonja annwali tal-għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex fakkar li l-ambjent naturali huwa essenzjali mhux biss biex jiġu ppreservati l-attrazzjonijiet li hemm f’Għawdex u li jattiraw it-turiżmu estern u intern, iżda wkoll għas-saħħa fiżika u mentali tal-Għawdxin stess.
Il-President Malti qal, “Hemm bżonn li jinstab bilanċ sostenibbli bejn bini u proġetti ta’ kostruzzjoni ġodda, u l-ambjent li, wara kollox, għandna dmir u dover li nipproteġu, għalina u għal min ġej warajna. Issa, iktar minn qatt qabel, qed immissu b’idejna realtà fejn l-ispazji miftuħa u l-ambjent naturali huma bżonnjużi.”
Hu nnota kif, bħal dejjem, l-ispirtu Għawdxi jibqa’ dejjem wieħed kumbattiv u li jara dejjem il-pożittiv fl-isfidi u għaldaqstant hu stqarr li l-element komuni li jgħaqqad dawn l-isfidi li għaddejjin minnhom hija r-rieda li tintgħeleb din l-inċertezza.
Għaldaqstant hu sostna li hemm bżonn li naħdmu flimkien u nkomplu nsibu soluzzjonijiet flimkien mibnija fuq id-diversifikazzjoni, il-flessibbiltà, u l-innovazzjoni. Il-President kompla jgħid li m’għandniex nitilfu t-tama li ma ndumux ma niġu lura għan-normal.
Waqt iċ-ċerimonja, li ilha ssir mill-2005, il-President ta’ Malta ppresjeda l-għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex lil Chris Said u Justyne Caruana. Huwa rrimarka kif, tul il-karriera politika tagħhom – anki lil hinn minn kull ħatra jew titlu uffiċjali li kellhom – dawn iż-żewġ deputati parlamentari poġġew dejjem lill-komunità Għawdxija fuq quddiem nett ta’ ħidmiethom u baqgħu qrib in-nies.