Il-President ta’ Malta George Vella, sema’ mill-qrib l-esperjenzi li għaddew minnhom kumpaniji u residenti fl-aħħar sena u nofs waqt żjara fil-gżira tat-tliet għoljiet.
F’kumapanija tas-servizzi finanzjarji, Vella ltaqa’ mal-Bord tad-Diretturi kif ukoll ma’ diversi ħaddiema.
Fil-fatt iċ-Chairman tal-Kumpanija Finanzjarja Michael Grech spjega li waqt il-laqgħa mal-President tar-Reppublika, iddiskutew sfidi attwali li qed jaffettwaw l-industrija.
Huwa stqarr: “Il-President kien qiegħed jisma’ b’attenzjoni kbira, ħa notament u anki wegħdna illi fejn ikun hemm bżonn ikun hemm l-intervent tiegħu, jintervjeni għall-ġid tal-industrija u anki tal-pajjiż inġenerali.”
Fix-Xewkija, il-President żar kumpanija oħra tal-għamara fejn f’kelmtejn tkellem dwar id-determinazzjoni tal-ħaddiema biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti għall-inċertezza li ġabet magħha l-pandemija.
Dan filwaqt li f’laqgħa mal-Bord tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, ġiet ippreżentata id-dokument ta’ strateġija ta’ Għawdex.
Il-President George Vella għamel aċċenn għall-importanza tad-djalogu bil-għan li tiġi żgurata kwalità aħjar tal-ħajja għal kulħadd.