Il-President ta’ Malta George Vella appella biex tittieħed l-azzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex, fejn hu possibbli, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman jiġu implimentati. Waqt żjara li għamel lill-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-Belt Valletta, huwa wissa li, jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ma jiġux rispettati mill-awtoritajiet u mid-dipartimenti li jiġu kkritikati minnu jew li jiġi rrakkomandat lilhom li jibdlu d-deċiżjonijiet tagħhom, dan iwassal biex tibda tisfaxxa s-saħħa ta’ dan l-Uffiċċju tant importanti għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt.
Il-President faħħar lill-Ombudsman, is-Sur Anthony Mifsud, u lill-istaff kollu tal-Uffiċċju tiegħu għax-xogħol imprezzabbli li jwettqu, minkejja li mhumiex ħafna fin-numru meta mqabblin mal-volum ta’ każijiet li jridu jaħdmu fuqhom. Huwa rrimarka li, matul il-25 sena kemm ilu li ġie introdott l-Ombudsman f’pajjiżna, dan l-Uffiċċju daħal fil-kultura tal-Maltin u jgawdi minn fiduċja kbira li, qal, jittama li tkompli tikber. Filwaqt li rrefera wkoll għal kif ir-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa jagħti importanza kbira lill-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-President ħeġġeġ biex dan ir-rapport jiġi dibattut b’mod kalm u kwiet sabiex jiġi deċiż bħala pajjiż x’għandna nadottaw minnu aktar minn dak li diġà ġie adottat.
Min-naħa tiegħu, l-Ombudsman semma li, sa mit-twaqqif tiegħu, l-Uffiċċju tal-Ombudsman investiga aktar minn 15,000 ilment. Qal li n-numru ta’ ilmenti mill-1995 ’l hawn naqas bin-nofs għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba li ħafna mill-entitajiet pubbliċi ġew privatizzati matul iż-żmien u, għalhekk, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ma baqagħlux ġuriżdizzjoni fuqhom. In-natura tal-ilmenti wkoll inbidlet: fejn qabel kienu jidħlu ħafna ilmenti fuq il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, illum hemm varjetà ta’ ilmenti aktar kumplessi bħal, pereżempju, fuq il-logħob onlineu fuq kwistjonijiet dwar iċ-ċittadinanza. Filwaqt li rrikonoxxa li l-pubbliku kultant jilmenta minn dewmien qabel ma’ jingħalaq każ, is-Sur Mifsud spjega li xi drabi dan jista’ jseħħ minħabba dewmien min-naħa tad-dipartiment ikkonċernat biex tingħata l-informazzjoni li jkunu talbu l-investigaturi tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.
Preżenti wkoll waqt iż-żjara tal-President kien hemm ukoll il-Kummissarju għas-Saħħa, is-Sur Charles Messina, u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba. Il-President sellem il-memorja tas-Sur Charles Caruana Carabez, li kien jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Edukazzjoni u li miet ftit tal-jiem ilu.
Fi tmiem iż-żjara, l-Ombudsman ippreżenta lill-President għotja miġbura mill-Uffiċċju tiegħu għal The Malta Community Chest Fund Foundation.