Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu ħallew Malta għal żjara fil-Vatikan u l-Italja.
Fil-jum tal-Ħamis, il-President Vella u d-delegazzjoni tiegħu, li tinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, se jiltaqgħu mal-Papa Franġisku f’udjenza privata.
Fl-istess żjara fil-Vatikan, fost l-impenji tiegħu, il-President se jiltaqa’ wkoll mas-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Pietro Parolin.
F’Ruma, imbagħad, il-President Vella jiltaqa’ mal-President Taljan Sergio Mattarella fil-Palazz Quirinale, waqt li fil-Palazzo Magistrale jiltaqa’ ma’ Fra John T. Dunlap, il-Gran Mastru tal-Ordni Ospitalier Militari Sovran ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta.
Il-President u s-Sinjura Miriam Vella jirritornaw f’pajjiżna l-Ħadd li ġej.
Sadanittant, f’dan il-perjodu, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President.