Il-President Franċiż jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strassburgu u jolqot fil-laħam il-ħaj
Il-President Franċiż Emmanuel Macron laqat fil-laħam il-ħaj is-sentimenti populisti li qed ikomplu jgħollu rashom fost il-komunità Ewropea.
Macron kien qed jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strassburgu hekk kif il-President Franċiż kien ir-raba’ Kap ta’ Gvern li indirizza din l-istituzzjoni Ewropea dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.
Macron kien qed jitkellem jiem wara li pajjiżu flimkien mal-qawwiet Amerikani u dawk Ingliżi attakkaw lis-Sirja biex skont huma jinnewtralizzaw il-forzi tal-Gvern Sirjan ta’ Bashar al-Assad li allegatament wettqu attakki bil-kimika fuq persuni ċivili ġewwa Douma.
Quddiem fost l-oħrajn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u r-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà Federica Mogherini, Macron saħaq li s-sovranità fost l-istati membri hija neċessarja.
Quddiem Parlament mimli bil-membri parlamentari Ewropej Macron qal, “Is-sovranità għandha tikkumplimenta lill-Unjoni Ewropea u mhux tissostitwixxiha.”
Din id-dikjarazzjoni ntlaqgħet b’ċapċip kbir.
Aktar tard din il-ġimgħa l-President Franċiż mistenni jiltaqa’ mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel biex jiġu diskussi bosta riformi proposti primarjament fost il-pajjiżi fiż-żona ewro.
Intant wara d-diskors tal-President Emmanuel Macron, Juncker saħaq li Franza tinsab lura fuq quddiem nett, flimkien mal-Ġermanja biex tmexxi ‘l quddiem lill-Ewropa li aktar minn qatt qabel qed tiffaċċja sfidi kbar.