Il-President Franċiż, Emmanuel Macron wissa li se jagħmel il-ħajja diffiċli għan-nies fi Franza li mhumiex imlaqqma kontra l-Covid-19.
Ma’ gazzetta Franċiża, Macron qal li verament irid jagħmlilhom ħajjithom diffiċli u se jibqa’ jagħmel dan sal-aħħar.
L-avversarji politiċi qalu li l-lingwaġġ li uża fl-intervista mhux denju għal President.
Il-kummenti ta’ Macron saru meta abbozz ta’ liġi dwar l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tal-vaċċin għal ċertu postijiet pubbliċi, ġie pospost minn Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni li ngħaqdu kontra l-Gvern.
Dibattitu fil-Parlament dwar l-abbozz, li se jwaqqaf lil dawk mhux imlaqqma mill-maġġoranza tal-affarijiet fil-ħajja pubblika, ma tħalliex jitkompla wara nofsillejl.
Il-liġi kellha tgħaddi f’votazzjoni din il-ġimgħa imma minflok qajmet rabja fost dawk li qed joppona l-vaċċin u diversi Membri
Parlamentari qalu li rċevew theddid fuq ħajjithom minħabba dan l-abbozz.
Fl-intervista mal-gazzetta, Macron kompla jgħid li filwaqt li mhux se jisforza l-vaċċin, qed jittama li jħeġġeġ iktar nies jitlaqqmu billi jillimitalhom l-aċċess għall-ħajja soċjali kemm jista’ jkun.