F’indirizz ta’ 10 minuti lin-nazzjon Franċiż ilbieraħ filgħaxija, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li se jkun qed jaħtar Prim Ministru ġdid fi ftit jiem. Dan wara r-riżenja ta’ Michel Barnier wara li tilef il-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament il-ġurnata ta’ qabel.
Huwa wkoll qal li kontra dak li riedet l-oppożizzjoni ma kienx se jirriżenja anzi wiegħed li se jibqa fil-kariga sa ma jintemm il-mandat tiegħu fl-2027.
Huwa rringrazzja lil Barnier għad-dedikazzjoni tiegħu matul il-ftit xhur li dam Prim Ministru u akkuża lil gruppi fil-parlament li kkolaboraw sabiex iwaqqgħu l-gvern.
Macron ma ta l-ebda indikazzjoni min jista’ jkun il-Prim Ministru l-ġdid iżda qal li l-attenzjoni immedjata se tkun fuq il-baġit 2025.