Waqt Żjara Statali fil-Qatar, il-President ta’ Malta, George Vella, kellu taħditiet uffiċjali mal-Emir tal-pajjiż, ix-Sheikh Tamim bin Hamad Al Thani, fil-Palazz Diwani f’Doha.
Stqarrija mill-Uffiċċju tal-President qalet li l-laqgħa bdiet b’konferma miż-żewġ naħat tal-impenn tagħhom li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żewġ partijiet, fil-fatt, qablu li hemm potenzjal kbir li jista’ jiġi sfruttat, potenzjal ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni konkreta tal-ftehimiet u l-implimentazzjoni fil-pront tad-dispożizzjonijiet tagħhom.
Ġew identifikati diversi oqsma ta’ kooperazzjoni tanġibbli, li jvarjaw mis-setturi finanzjarji, marittimi, tal-avjazzjoni u industrijali, għat-turiżmu, l-enerġija u l-edukazzjoni.
Fid-dawl tal-possibbiltajiet mifruxa f’dawn l-oqsma, iż-żewġ partijiet qablu li għandhom jiġu ffaċilitati l-kuntatti diretti u ż-żjarat fl-oqsma kollha sabiex jiġi żgurat li jinkisbu r-riżultati.
Ġew diskussi wkoll ir-reġjun tal-Golf u dak Ewro-Mediterranju u l-isforzi magħmula kemm mill-Qatar kif ukoll minn Malta biex jippromwovu d-djalogu u l-istabbiltà fil-viċinati rispettivi tagħhom.
Issemmew ukoll l-isfidi maħluqa mill-migrazzjoni irregolari, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-effetti tat-tibdil fil-klima.
F’kummenti wara l-laqgħa, il-President George Vella laqa’ tajjeb l-ispirtu kordjali, pożittiv, u kostruttiv ħafna li fih saru l-iskambji, u qal li din iż-Żjara Statali hija mument importanti ħafna li jagħti spinta qawwija lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Qal, “Bħalissa l-Qatar qed jara kif se jagħmel investiment f’pajjiżi differenti. Aħna, ovvjament, l-investiment dejjem nieħdu gost bih sakemm ikun investiment li jkun irendi u l-messaġġ kien “ejjew u araw”.