Il-President ta’ Malta George Vella akkumpanjat mis-Sinjura Miriam Vella ħalla Malta dalgħodu għal żjara ta’ erbat ijiem fir-Renju Unit sabiex fost oħrajn jattendi għaċ-Ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth li se ssir f’Birmingham.
Il-President u s-Sinjura Vella se jiltaqgħu mad-29 atleta li se jikkompetu f’isem Malta u mistennija wkoll isegwu wħud mis-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-atleti Maltin.
Matul din iż-żjara, il-President u s-Sinjura Vella se jkunu qed iżuru wkoll pazjenti Maltin fi sptar f’Oxford.
L-impenji tagħhom jissoktaw f’Londra fejn se jkunu qed iżuru lill-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares u għand is-Sorijiet Franġiskani.
F’Londra, il-President Vella se jiltaqa’ wkoll ma’ konsulenti Maltin li jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi sptarijiet hemmhekk.
Sakemm il-President Vella jkun ir-Renju Unit, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.
Il-President u s-Sinjura Vella jirritornaw Malta fil-lejl bejn il-Ħadd, 31 ta’ Lulju, u t-Tnejn, l-1 ta’ Awwissu.