Is-servizz li tat il-MaltaPost tul il-pandemija kien wieħed eċċezzjonali. Dan intqal mill-President ta’ Malta George Vella waqt żjara li għamel fl-uffiċini tal-MaltaPost fil-Marsa.
Il-President George Vella fisser kif is-sens ta’ responsabbilità min-naħa tal-MaltaPost u l-ħaddiema deher minn kmieni fl-imxija meta baqgħu jiġbru, iqassmu u jipproċessaw il-posta.
Il-President Vella stqarr, “Is-servizz kien wieħed mill-aktar apprezzat għax taffa mhux ftit mis-sens ta’ iżolament u distakk li kollha kemm aħna bdejna nħossu li jikber minn Marzu l’ quddiem.”
Il-President Vella nnota li din il-kumpanija wettqet dan is-servizz fil-kwiet u fis-silenzju, rebħet il-fiduċja, ir-rispett u l-koperazzjoni tal-pubbliku għax tat lill-Maltin u Għawdxin togħma ta’ normalità.
Huwa faħħar il-miżuri favur l-ambjent li daħħlet il-kumpanija riċentament, fosthom bl-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi.
Fiż-żjara tiegħu, il-President appella lill-impjegati ta’ din il-kumpanija biex jipparteċipaw fl-iskema Għinuna Ngħinukom billi joffru donazzjoni żgħira mill-paga tagħhom lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.