Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca rrimarkat b’mod pożittiv il-pożizzjonijiet sodi u kuraġġużi li konsistentement qed jieħu l-Prim Ministru Robert Abela fil-fora internazzjonali.
Dan favur il-paċi u kontra t-trewwiħ għall-gwerra u l-armamenti.
F’konferenza organizzata mill-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Steve Ellul, Coleiro Preca rrimarkat għal dak li għamel il-Prim Ministru mal-komunità internazzjonali, fosthom fil-Kunsill Ewropew li għadda meta fih kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, António Guterres.
Hemmhekk il-Prim Ministru Malti sostna li t-tfittxija għall-paċi u l-progress soċjali f’dinja sigura mhux biss huma valuri importanti mħaddna fil-Kostituzzjoni Maltija, iżda parti mill-azzjoni ta’ pajjiżna fuq livell globali, inkluż bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan il-Ġnus Magħquda.
Coleiro Preca aċċennat li Malta, bin-newtralità u l-paċi, imxiet ’il quddiem.
“Malta kuraġġuża li ma tibżax titkellem fuq il-valuri tan-newtralità u l-paċi fil-Mediterran, fl-Ewropa u fid-dinja. U minn hawn irrid insellem lill-Prim Ministru, għax l-istatement li għamel il-ġimgħa li għaddiet fl-Ewropa jagħtina u għandu jagħtina ħafna tama. Aħna, bin-newtralità u l-paċi, imxejna ’l quddiem.”
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca
Fl-istess konferenza, il-President Emeritu nnotat kif, fuq in-naħa l-oħra, hemm min qed jgħidilna biex ninvestu fl-armamenti.
“U li ninvestu fl-armamenti jew inkella we fuel wars, kif qed jiġri, ħalli l-ekonomiji ta’ pajjiżi bħal Franza, bħall-Italja, bħall-Ingilterra, bħall-Ġermanja, ifuru, għax qed jipproduċu, għax għandhom l-industrija tal-armamenti in full gear u mbagħad no wonder Ukraine u r-Russja, it-tfal f’Gaza jinfaqgħu kull sekonda mbagħad l-international community tħares. Meta qed ngħid l-international community mhux għalina, għax aħna qed nagħmlu l-isforzi tagħna, imma l-international community li suppost taf x’għandha tagħmel ħalli twaqqaf il-gwerer u mhux tkompli on full speed.”
Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca
Fl-aħħar Kunsill Ewropew, Malta nsistiet bis-saħħa li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jirrispettaw u jirriflettu wkoll il-prinċipji mħaddna fil-Kostituzzjoni ta’ stati membri, bħal Malta, li tħaddan in-newtralità u n-non-allineament.
U fil-fatt dan inkiseb b’paragrafi speċifiċi, li huma ferm ċari minn dak oriġinarjament abbozzat f’livell ta’ negozjati tant li Malta għamlet il-pożizzjoni soda tagħha u ma ċċaqalqitx minnha.