Il-President tar-Repubblika, Marie Louise Coleiro Preca, kellha ħsieb ċar ħafna meta mitluba tikkummenta dwar id-dibattitu li nqabad dwar jekk għandux ikun hemm kwoti ta’ nisa fil-Parlament. Qalet li ma nistgħux ma nagħmlu xejn.
F’intervista li se tixxandar illejla fil-programm Arena fuq is-suġġett.
“Qegħdin f’fażi fejn ma nistgħux ma nagħmlux xi ħaġa. Issa jekk hux kwoti jew xi ħaġa oħra xi tip ta’ positive action trid issir. Aħna ilna sebgħin sena bid-dritt għal vot. F’sebgħin sena rnexxielna biss tliettax fil-mija jkunu nisa. Tliettax fil-mija,” qalet il-President tar-Repubblika.
Fi kliem il-President dan hu ferm inqas mill-ugwaljanza li suppost teżisti. Bir-ritmu tal-aħħar snin, qalet il-President, dan il-pass se jieħu iktar minn mitejn u sittin sena.
Hawn appelat li l-pajjiż m’għandux jibża’ mid-deċiżjonijiet.
“Ma jimportax li jkollna l-kontroversja. Dik iġġib id-diskussjoni. Dik iġġib ħsieb u l-opportunità biex meta aħna niddeċiedu dwar ir-rappreżentanza iktar ekwa tal-parlamentari fejn jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet ta’ dan il-pajjiż hemm inkunu nistgħu ngħażlu l-aħjar,” żiedet il-President.
Il-President Coleiro Preca irreferiet għal sistemi li użaw pajjiżi differenti. Peró mhux biss id-deċiżjoni tal-kwota li trid ttittieħed. Il-President qalet li rridu nassiguraw li l-partiti politiċi jkunu tassew ambjent fejn mara tista’ taħdem.