Il-President Amerikan Donald Trump iddikjara li jrid li l-Istati Uniti tieħu kontroll tal-Medda ta’ Gaża sabiex jiżviluppaha wara li jirriloka lill-Poplu Palestinjan f’pajjiżi oħra.
Iżda Trump ma offra l-ebda dettalji ta’ kif kien se jagħmel dan u x’kienu l-pjanijiet tiegħu.
F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, Trump qal lill-ġurnalisti li “l-Istati Uniti se tieħu l-kontroll tal-Medda ta’ Gaża u se nagħmlu biċċa xogħol tajba. Se nieħdu l-pussess u nkunu responsabbli li niddiżarmaw il-bombi kollha u l-armamenti li għad hemm fil-post”. Huwa qal li l-Istati Uniti kienet se taħdem sabiex tiżviluppa ekonomikament il-lokalità wara li jitnaddfu l-binjiet kollha li hemm distrutti.
Aktar kmieni Trump u Netanyahu kellhom diskussjonijiet dwar il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u t-trattat tal-ostaġġi fil-kunflitt bejn il-Hamas u Iżrael.
L-Eġittu u l-Ġordan, kif ukoll nazzjonijiet Għarab oħra, irrifjutaw it-talba ta’ Trump sabiex jirrilokaw it-2.3 miljun Palestinjan sakemm it-territorju jerġa jinbena mill-ġdid.
Qabel il-laqgħa ma’ Netanyahu, Trump iffirma ordni eżekuttiva li skontu se tpoġġi pressjoni ekonomika fuq l-Iran.