L-Arċisqof Makarios, President ta’ Ċipru bejn l-1960 u l-1974 u l-1974 u l-1977, kien ħarab lejn Malta bħal-lum ħamsin sena ilu wara kolp ta’ stat li qam kontrih fil-gżira fil-Lvant tal-Mediterran.
Makarios, li kellu ħbiberija kbira mal-Prim Ministru Malti ta’ dak iż-żmien, il-Perit Dom Mintoff, kien f’pajjiżna sena qabel għal żjara statali fejn ġew diskussi bosta temi, inkluż il-ftehim li laħaq Mintoff mal-Gvern Ingliż biex pajjiżna jinħeles minn kull bażi militari Britannika sal-1979.
Skont informazzjoni żvelata snin twal wara, jirriżulta li Makarios xtaq ikun jaf kif seta’ jikseb aktar finanzjament mill-Ingliżi għall-bażijiet, li kienu u għadhom jeżistu sal-lum.
Meta fl-14 ta’ Lulju nbeda l-kolp ta’ stat kontrih, Makarios għamel tlett ijiem maħrub fiż-żona muntanjuża ta’ Paphos. Wara li ġie salvat permezz ta’ ħelikopter mill-qawwiet Ingliżi li ħaduh f’bażi militari fil-pajjiż stess, bdew iqumu l-mistoqsijiet fejn kien se jmur minn hemm bħala post sigur u Malta kienet l-għażla awtomatika ta’ Makarios.
Fil-fatt nhar is-17 ta’ Lulju tal-1974, l-Arċisqof ta’ 60 sena twassal b’ta’ fuqu senduqu fil-mitjar Malti fejn intlaqa’ minn Sir Anthony Mamo, li aktar tard dik is-sena kellu jsir l-ewwel President tar-Repubblika Maltija.
Waqt li kellu ċans jirkupra f’pajjiżna, fejn alloġġja fil-Palazz Presidenzjali, Makarios, imbagħad, ipproċeda lejn Londra minn fejn qabad ajruplan għal New York biex jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda jumejn wara.
Sadanittant f’Ċipru, ir-ribelli poġġew lil Nikos Giorgiades Sampson ta’ tmienja u tletin sena bħala President minflok Makarios.
Wara li, iżjed tard fl-1974, Makarios irritorna lura f’pajjiżu u mill-ġdid sar il-President tal-pajjiż, Sampson kien għadda ġuri u ntbagħat għoxrin sena ħabs għall-kolp ta’ stat li mexxa fil-pajjiż.
Il-President Ċiprijott miet nhar it-3 t’Awwissu 1977 waqt li kien fil-kariga, aktarx minn attakk tal-qalb. Għall-funeral tiegħu, li sar fil-Katidral ta’ San Ġwann f’Nicosia, attendew mijiet ta’ dinjitarji, waqt li folla ta’ madwar kwart ta’ miljun ta’ ċittadini kienet preżenti.