Il-President Ċiniż Xi Jingping qal li l-mudell li qed jintuża sabiex tiġi amministrata Hong Kong, ħadem għaliex ipproteġa l-belt u għandu jkompli jintuża.
Fid-diskors tiegħu f’Hong Kong, Jingping ddefenda din is-sistema politika hekk kif ġew mfakkra l-ħamsa u għoxrin sena minn meta l-Inġliżi rritornaw is-setgħa li kellhom fuq din il-belt, liċ-Ċina.
Il-belt ta’ Hong Kong bħalissa tinsab taħt sigurtà stretta hekk kif din hija l-ewwel żjara tal-President Ċiniż f’sentejn.
Tul dawn l-aħħar snin, iċ-Ċina affaċċjat kritika kbira hekk kif żiedet il-kontroll tagħha fuq Hong Kong billi daħħlet liġijiet u riformi li joħonqu d-dritt tal-espressjoni.