Il-President Ċiniż, Xi Jinping, bagħat ittra lill-istudenti tal-Iskola Sekondarja f’Bormla, li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Margerita.
Dan seħħ wara li, f’Lulju li għadda, Martin Azzopardi, għalliem f’din l-iskola, bagħat ittra għan-nom tal-istudenti lill-President Xi Jinping f’għeluq il-ħamsin sena minn mindu bdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u ċ-Ċina.
Madwar xahar wara, is-Sur Azzopardi u l-istudenti rċevew ittra ta’ apprezzament mingħand il-President Ċiniż.
L-ittra ta’ apprezzament ġiet ippreżentata mill-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, Yu Dunhai, f’attività li saret fl-iskola f’Bormla, il-Ħamis filgħodu.
Din il-kamra tal-aħbarijiet tkellmet mal-għalliem, li ilu jippromovi l-kultura Ċiniża f’din l-iskola għal dawn l-aħħar tnax-il sena permezz tas-Science China Corner.
Qal, “Fl-okkażjoni tal-50 sena mill-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, ħassejt li għandi nibgħat ittra personali lill-President taċ-Ċina, Xi Jinping, mingħajr ma qatt stennejt li kien se jirrispodini lura; u, fil-fatt, huwa għoġbu li jaqra din l-ittra li jien bgħattlu u bgħatli ittra lura ta’ apprezzament għal dan ix-xogħol li wettaqna flimkien fl-iskola tagħna f’dawn l-aħħar tnax-il sena.”
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, u l-eks Ministru Reno Calleja, li huwa l-fundatur tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina.