Nhar il-Ħamis bdiet iż-żjara statali tal-President Bulgaru Rosen Asenov Plevneliev f’pajjiżna. Il-President Bulgaru kien milqugħ mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’ċerimonja li minħabba t-temp saret ġewwa tal-Palazz tal-President.
Hawnhekk indaqqew l-innijiet nazzjonali taż-żewġ pajjiżi filwaqt li l-President Bulgaru ħa b’idejn il-Prim Ministru, l-Ispeaker tal-Kamra u membri tal-Kabinett.
Din iċ-ċerimonja segwiet laqgħa bejn iż-żewġ Presidenti. Il-President Bulgaru irregala lill-President ta’ Malta mudell ta’ knisja ta’ San Ġorġ li tinsab fil-kapitali ta’ Bulgarija Sofia u li nbniet fi żmien l-imperatur Kostantinu filwaqt li l-President ta’ Malta irregalat platt tal-fulugranu bis-salib ta’ Malta.